It-Tim tal-Litteriżmu tal-Kulleġġ Santa Margerita bi sħab mal-għalliema tal-arti, il-mużika, il-PSCD u l-Edukazzjoni Fiżika tal-Kulleġġ ħejjew sensiela ta’ attivitajiet biex jiċċelebraw it-tnedija uffiċjali tal-ktieb ‘Fejn hu Marjo l-Għawdxi?’. Dan il-ktieb kitbuh it-tfal tar-Raba’ Sena tal-Kulleġġ Santa Margerita bħala parti mill-proġett Storja Katina u għat-tnedija tiegħu kien preżenti l-Onor. Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Edukazzjoni.
Storja Katina huwa proġett li nħoloq mill-Kulleġġ Santa Marge rita bil-għan li jinkiteb ktieb oriġinali bil-Malti b’mod kollaborattiv. F’dan il-proġett, l-istudenti tar-Raba’ Sena tal-iskejjel primarji kellhom l-opportunita’ li jsiru awturi u disinjaturi ta’ ktieb li ġie ppublikat, permezz tal-fondi ta’ Kreattiv u bl-għajnuna tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.
Tul dan il-proġett it-tfal ħadmu flimkien, ħarġu b’ideat oriġinali u ħolqu dibattitu bejniethom biex flimkien għażlu l-aħjar ideat u fl-aħħar fasslu l-istorja tagħhom. L-oriġinalita’ spikkat wkoll fid-disinn li ħolqu t-tfal għal kull kapitlu li kitbu, kif ukoll fl-għażla ta’ materjali li użaw biex joħolqu d-disinn.
Il-karattri tal-istorja, kif ukoll it-tema prinċipali ntgħażlu mill-istudenti permezz ta’ votazzjoni onlajn, minn għażla ta’ karattri u temi li ssottomettew l-istudenti stess waqt sessjonijiet ta’ kitba kollaborattiva. Dawn is-sessjonijiet tħejjew mit-Tim tal-Litteriżmu tal-Kulleġġ Santa Margerita, bl-għajnuna ta’ espert fil-kitba, is-Sur Trevor Żahra, u ta’ espert fil-pubblikazzjoni, is-Sur Albert Debono, taħt il-koordinazzjoni tas-Sinjura Maria Mc Namara.
Wara li nkiteb l-ewwel kapitlu, il-ktieb mexa minn klassi għal oħra u minn skola għal oħra biex titkompla l-istorja. Huwa propju għalhekk li l-proġett ġie msejjaħ Storja Katina, għax kull klassi kienet ħolqa li ngħaqdet mal-ħolqa ta’ qabilha. Permezz t’hekk il-prodott finali ġie tassew oriġinali u interessanti. Fi kliem it-tfal: ‘’Il-ktieb Fejn hu Marjo l-Għawdxi? huwa ktieb miktub mit-tfal għat-tfal iżda sabiħ anki għall-kbar!’’